Ir-riservi tal-Aħrax u l-Miżieb, għal sena oħra, qed jaraw kollaborazzjoni bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK u l-Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, in-naħħala se jkollhom l-opportunità li jemigraw il-kolonji tan-naħal mill-miġbħa tagħhom għal dawn ir-riservi.
Dan il-ftehim jindirizza l-inaċċessibiltà ta’ ħafna naħħala għall-inħawi ta’ qrib ix-xagħri li fih iwarrad is-sagħtar.
Dan il-proċess impenjattiv, se jservi biex jintlaħqu żewġ għanijiet: dak li jinġabar in-nettaru tas-sagħtar kif ukoll li titjieb u tiġi assigurata d-dakra tal-flora preżenti fl-abitati protetti ta’ pajjiżna.
ONE News sebaħ fir-riserva tal-Aħrax, fil-Mellieħa u tkellem ma’ rappreżentanti miż-żewġ għaqdiet, li t-tnejn fissru l-importanza tan-naħal għall-ekosistemi tagħna.
Il-President tal-FKNK, Lucas Micallef fisser kif, f’dawn is-siti, il-federazzjoni taħdem ma’ diversi għaqdiet biex jitgawdew minn kulħadd.
Huwa stqarr li, “Aħna f’dawn is-siti, kemm il-miżieb u kemm l-aħrax, naħdmu ma’ diversi NGOs u għaqdiet volontarji biex kemm jista’ jkun kulħadd jibbenefika u jgwadi minn dawn il-postijiet miftuħa. Qed ngħinu l-biodiversità titħaddan aktar, isir id-dakkir ta’ diversi speċi ta’ flora, u fl-aħħar mill-aħħar in-naħal ikun qed jibbenifika u nispera li jkun jista’ jaqta’ daqsexjn aktar għasel, fl-aħħar tas-Sajf.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni tan-Naħħala Malta, Jorge Spiteri, qal li għal ħafna snin, il-membri naħħala ma kellhomx aċċess għas-sagħtar fix-xhur tas-sajf, li jinsab fil-maġġoranza tiegħu fit-Tramuntana ta’ Malta.
Is-Sur Spiteri spjega li, “L-FKNK amministraw dan il-post u l-Miżieb, u għaldaqstant ħsibna nagħmlu ftehim magħhom, biex il-membri tagħna jkunu jistgħu jaċċessaw is-sagħtar, kemm bħala fjura, biex tkun tista’ żżerra u tagħmel l-arbuxelli, kif ukoll biex in-naħal ikollu x’jiekol fis-sajf, biex forsi jagħmel aktar produzzjoni u n-naħħal ikun jista’ jibbenefika minnha wkoll biex isostni s-sengħa tiegħu.”