Meta fl-ewwel laqgħa tal-kumitat għall-kontijiet pubbliċi (il-PAC) għal din il-leġiżlatura saret diskussjoni dwar it-temi li għandu jibda jiddiskuti dan il-kumitat, in-naħa tal-Gvern stqarret li m’għandha ebda diffikultà biex tkompli tiddiskuti r-rapport ‘An Investigation of Matters Relating to the Contracts awarded to ElectroGas Malta Ltd. by Enemalta Corporation’.
Madankollu, il-membri f’isem il-Gvern stqarrew ukoll li ma jistax jerġa’ jkun hemm sitwazzjoni fejn il-Kumitat jiddiskuti biss suġġett wieħed.
Anke l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, esprima fl-istess kumitat il-ħsieb li l-Uffiċċju tiegħu qed jagħmel ħafna xogħol importanti li qed jispiċċa mhux jiġi diskuss mill-kumitat.
“Ħa ngħidha, anke b’sens ta’ ġustizzja man-nies tagħna,” qal l-Awditur Ġenerali. “Ħriġna mijiet ta’ audits fuq entitajiet differenti u qatt ma ġew diskussi hawnhekk għaliex, ovvjament, il-fokus kienu fuq affarijiet oħra.”
Dwar is-suġġett tal-Electrogas, kien hemm qbil li li x-xogħol li l-Kumitat għamel fuq dan ir-rapport fil-leġiżlatura li għaddiet għandu jittieħed bħala wieħed li diġa’ sar u ssir referenza lejn il-minuti u d-dokumenti li kienu preżentati f’kumitat dwar l-istess suġġett fil-leġiżlatura li għaddiet. L-istess għandu jkun il-każ dwar ix-xhieda.
In-naħa tal-Gvern saħqet kemm-il darba li l-kumitat irid jimxi b’effiċjenza, anke għax il-Gvern għandu suġġetti importanti xi jtella’ fuq l-aġenda, fosthom rapport tal-Awditur Ġenerali nnifsu dwar il-faqar bit-tema, ‘A Review of Implementation of Sustainable Development Goal 1 | Malta’s Efforts at Alleviating Poverty’.
Il-membri tal-Oppożizzjoni saħqu li huwa wkoll l-għan tagħhom li l-Kumitat jimxi b’effiċjenza, għalkemm qagħdu lura milli jieħdu impenn fuq sa meta jixtiequ jlestu d-diskussjoni dwar l-Electrogas. Fid-dawl ta’ dan, il-membri tal-Gvern saħqu li m’għandhom diffikultà biex jiddiskutu l-ebda suġġett, iżda se jassiguraw li l-Kumitat jimxi b’mod effiċjenti.
Il-membri tal-Gvern fuq dan il-kumitat huma d-deputati Andy Ellul, Glenn Bedingfield, Clayton Bartolo, u Alex Muscat.