Id-Dar tal-Providenza qed torganizza mixja ta’ mija u ħamsin kilometru madwar il-kosta Maltija, biex jinġabru fondi li se jmorru għat-tisħiħ tal-istess Dar.
Il-mixja, li qed tiġi organizzata wkoll mill-għaqda Trail Makers, se ssir bejn it-tlieta u għoxrin u l-erbgħa u għoxrin ta’ Marzu li ġej, bil-lejl u bin-nhar. Il-mixja tibda fis-sebgħa ta’ filgħodu mill-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, u tispiċċa fl-istess post il-Ħadd fil-ħamsa ta’ waranofsinhar.
Giovanni Camilleri, il-fundatur ta’ Trail Makers, spjega li kulħadd jista’ jieħu sehem fil-mixja mifruxa fuq jumejn/
“Se jkollna nies ta’ Trail Makers li se jkunu responsabbli li jekk jinqala xi ħaġa jistgħu jagħtu l-ewwel għajnuna jew isejħu huma għall-għajnuna,” qal is-Sur Camilleri.
Il-pubbliku se jkun jista jingħaqad mal-mixja f’kull ħin li jkun komdu għalih u mhux bilfors jimxi l-mija u ħamsin kilometru kollha. Camilleri qal ukoll li l-organizzaturi ma imponew ebda limitu ta’ parteċipanti fil-mixja.
Dennis Borg, mill-għaqda, spjega li min ma jixtieqx jipparteċipa fil-mixja, xorta jista’ jagħti donazzjoni.
“Jista’ jagħmel dan billi jżur il-Facebook page tagħna fejn hemm l-event u hemm il-links fejn wieħed jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu,” qal is-Sur Borg.
Kull min jimxi għoxrin kilometru jew iżjed se jingħata midalja tal-bronż, waqt li dawk li jimxu l-mija u ħamsin kilometru kollha jingħata midalja tal-fidda.
Fr. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, spjega li l-fondi miġbura se jsaħħu u jtejbu s-servizzi li jingħataw fid-Dar ewlenija u fl-erbat idjar fil-komunità li diġà għandhom. L-għan huwa wkoll li tibda tinbena dar oħra għal dawn is-servizzi fl-inħawi tal-balluta.
“Nittmaw li niġbru somma sostanzjali minn din il-mixja, dawn il-flus se jmorru biex inkomplu noffru servizz residenzjali individwalizzat għall-persuni li jgħixu fid-djar. Bħalissa għandna 115 persuna jgħixu fid-djar tagħna u aktar ma jkollna fondi aktar inkunu nistgħu nagħtu servizz aħjarlil dawn il-persuni,” qal Fr Martin.
Kull min huwa interessat jista’ japplika onlajn sal-Ħadd, sbatax ta’ Marzu li ġej.