B’referenza għall-artikli li dehru f’sezzjonijiet tal-media, dwar pazjenti fl-isptar Mater Dei li allegatament qiegħed jingħad li qegħdin jingħataw kura f’kuritur, il-Ministeru għas-Saħħa u l-isptar Mater Dei jippreċiża li dan mhux minnu.
Fi stqarrija l-Ministeru għas-saħħa spjega li r-ritratti li dehru f’dawn l-artikli ma jurux pazjenti li qegħdin jieħdu kura fil-kuritur, iżda pazjenti li qegħdin jistennew testijiet mediċi bħal X-Ray jew jistennew ir-riżultat ta’ dawn l-istess testijiet, jew pazjenti li qegħdin jistennew biex jinqdew minn xi servizz ieħor fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Fil-fatt f’każijiet minnhom dawn il-pazjenti lanqas biss ikunu ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei.
Kif intqal fil-mistoqsija parlamentari ma kien hemm l-ebda pazjent li ngħata kura f’xi kuritur ta’ Mater Dei bejn April u Awwissu ta’ din is-sena. Filwaqt li bejn Jannar u April kien hemm 662 pazjent.
Numru li jikkuntrasta bil-kbir mal-eluf ta’ pazjenti li ngħataw kura fil-kuritur taħt aministrazzjoni preċedenti, fejn kien hemm 7,448 pazjent fl-2011 u 8,118 pazjent fl-2012.
Il-Ministeru għas-saħħa fisser kif dan huwa mertu fost oħrajn ta’ żewġ swali ġodda mibnija bil-għan propju li jiżdiedu s-sodod f’Mater Dei u jtaffu min-nuqqas ta’ pjanar ta’ amministrazzjonijiet preċedenti.