Wara ħafna kontroversja, il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-konsorzju MIDI ffirmaw ftehim Guardianship fejn permezz tiegħu l-komunità qed tilqà lill-investitur u l-investiment tiegħu li se jkun qed jagħti ħajja ġdida lil din iż-żona li ilha għal snin twal mitluqa. B’dan il-ftehim qed jara l-bidu ta’ fondazzjoni ġdida li se tkun qed isservi bħala gwardjan ta’ din il-gżira biex, fost oħrajn, jiġi assigurat li l-komunità jkollha aċċess għal Manoel Island.
Ftehim li issa jfisser li f’Manoel Island il-pubbliku se jgawdi:
- Minn 80,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa li se jagħmel minn din iż-żona park pubbliku.
- L-investitur se jkun qed jagħmel landscaping ta’ żoni pubbliċi , bix-xatt se jibqa’ miftuħ kompletament għat-tgawdija tal-familji u se jinħolqu Żoni għall-Għawm
- Il-MIDI qed jikkommettu ruħhom li ma japplikawx biex jgħollu iktar minn dak permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar
- Permezz ta’ dan il-ftehim il-MIDI kkommettiet ruħha wkoll li ma tagħlaqx il-Forti f’lukanda jew xi forma ta’ akkomodazzjoni residenzjali. Minflok il-Forti se ssir ċentru ta’ Arti u Kultura, b’mużewijiet, spazju għall-arti, ħwienet u restoranti kif ukoll l-ispazju miftuħ ġewwa l-Forti stess li jistà jintuża għal avvenimenti se jkun totalment aċċessibbli għall-pubbliku.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva din iċ-ċerimonja bħala milestone importanti, dan għaliex dan il-ftehim qed iservi bħala mudell ta’ relazzjoni ġdida bejn l-investitur u l-komunità.
Huwa fakkar f’dak li kien il-punt tat-tluq li llum wassal għal dan il-ftehim sinjifikanti, “Protesti kull ġimgħa minn persuni, ħafna minnhom ġenwini, li ħassew li parti kbira minn ħajjithom se tingħalaq b’xatba. Min-naħa l-oħra, investituri, li snin ilu ngħataw ċerti drittijiet bdew jgħidu li mhu qed jisirqu xejn illi ma ngħatax lilhom b’konċessjoni.”
Il-Prim Ministru spjega kif quddiem din is-sitwazzjoni l-Gvern setgħa jagħżel li jorbot idejh u jgħid li dan kien ftehim li sar qabel Gvern Laburista, iżda minflok għażel li jimxi fit-triq l-iżjed diffiċli biex tinstab soluzzjoni li ssib bilanċ bejn l-interessi tal-iżviluppatur u anki tal-komunità Gżirjana. Dan għaliex il-Gvern ħass is-sens ta’ rieda tajba minn kulħadd.
“Irrealizzajt li kien hemm rieda tajba għax bis-saħħa tal-persważjoni tiegħu, Conrad Borg Manche’, is-Sindku tal-Gżira, rajt li ma kienx qed jitħabat sempliċiment biex juri li qed jiġġieled mal-investitur b’mod frivolu. Imma għax għandu sens ta’ kommunita’ ried li jara kif jgħaqqad dak li huwa bi dritt tal-Gżirjani mal-attivita’ ekonomika li dan il-proġett se jiġġenera. Bl-istess mod, rajt li l-MIDI jridu li din il-fażi tant mistennija fil-proġett tagħhom tibda fuq sieq tajba mall-komunità.”
Huwa ddeskriva dan il-ftehim bħala mudell li għandu jservi ta’ gwida kull fejn ikun hemm kunflitt bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-ambjent soċjali, wirt nazzjonali u l-ambjent naturali. Il-Prim Ministru temm b’ringrazzjament lil partijiet kollha li bil-ħidma tagħhom intlaħaq dan il-mudell li huwa sinjal b’saħħtu ta’ bilanċ bejn l-iżvilupp u s-sostenibbilita’ ambjentali.