Il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali wettaq kważi 85% tal-miżuri kollha assenjati lilu u li kienu mwegħda fil-Budget 2020.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-Gvern ġewwa Spazju Kreattiv hekk kif ġie spjegat li twettqu 22 miżura minn total ta’ 26.
Din hija l-ogħla rata ta’ implimentazzjoni li qatt intlaħqet sa nofs is-sena.
One News tkellem mas-Segretarju Permanenti Mark Musù hekk kif elenka wħud mill-miżuri ewlenin li twettqu sa issa.
Fosthom dik ta’ żieda ta’ €7 fil- ġimgħa lill-pensjonanti kollha, kumpens għall-għoli tal-ħajja jiġifieri €3.49 fil-ġimgħa, il-bonus għal twelid ta’ tarbija jew adozzjoni u kontribuzzjonijiet akkredidati għal ġenituti bi tfal b’mard rari.
“Fuq quddiem l-enfasi dejjem fuq il-pensjonanti però imbgħad kien hemm ukoll miżuri mmirati għal kategoriji oħrajn familji bit-tfal, anzjani oħrajn li mhumiex pensjonanti, persuni oħra bi dħul baxx jiġifieri kellek firxa wiesa ta’ miżuri differenti li kellhom naturalment l-għan li jtejbu l-għixien ta’ kulħadd.”
Huwa elenka wkoll l-aħħar 4 miżuri li jonqos jitwettqu mill-budget 2020.
“Tnejn minnhom jikkonċernaw il-ħlasijiet tal-pagamenti lil dawk li sofrew inġustizzji fl-imgħoddi fil-fatt qed ngħidu li dawn se jknuu qed jitħallsu fil-21 ta’ Novembru li ġej filwaqt li hemm żewġ miżuri oħrajn li jikkonċernaw il-persuni b’diżabilità waħda li jitwaqqaf helpline għall-persuni b’diżabilità fl-aġenżija sapport u l-oħra li l-istess aġenzija sapport se tkun qed tmexxi taħriġ professjonali għall-ħaddiema tagħha.”
Il-Ministru għall-familji u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon sostna li din iċ-ċifra pożittiva tmur id f’id wkoll mar-rata ta’ twettiq ta’ 85% tal-miżuri soċjali mill-manifest elettorali ta’ Gvern Laburista.
“Sas-7 xahar tas-sena għalaqna 85% ta’ dak li huma miżuri tal-budget u wkoll huwa sinifikanti wkoll li sal-istess żmien qed nitkellmu fuq 3 snin u ftit diġà għalaqna wkoll 85% mill-manifest elettorali.”