Wara investiment ta’ €11.5 miljun, it-taxiway Lima tal-ajruport issa se tkun kapaċi takkomoda ajruplani ta’ daqs ikbar, fosthom l-Airbus 350 u l-Boeing 787. Fl-istess waqt, se tiżdied l-effiċjenza tat-taxiway għax żdied l-ispazju disponibbli.
Iċ-Chairman ta’ Indis Malta, li hija l-operatur tal-oqsma industrijali, Jean Pierre Attard, spjega kemm huwa importanti li l-infrastruttura tal-ajruport tlaħħaq mal-avvanzi fis-settur tal-avjazzjoni u saħaq li dan l-investiment kien kruċjali sabiex l-operazzjonijiet tal-ħangar isiru b’mod iktar effiċjenti. Se jgawdu wkoll il-ħaddiema, li issa se jkunu jistgħu jieħdu esperjenza fuq tipi differenti u akbar ta’ ajruplani. Huwa qal li l-proġett affaċċja diversi sfidi, kemm minħabba l-pandemija kif ukoll minħabba fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu.
“It-taxiway ġiet imwessgħa sabiex ċerti klassijiet ta’ ajruplani li jvarjaw sa 50 metru, anki, bħala span, ikunu jistgħu jiġu akkomodati f’dawn l-impjanti, li qabel ma kienx possibli. Allura, qed jiżdied ix-xogħol, qed jiżdied in-negozju ta’ dawn il-kumpaniji, u benefiċċju għall-ekonomija Maltija u l-ħaddiema Maltin”
Il-Kap tal-produzzjoni tal-Lufthansa Technik, Edwin Micallef, u d-Direttur Ġenerali tal-SR Technics, Arthur Magri, stqarrewui dan l-investiment se jespandi l-possibilitajiet ta’ xogħlijiet filwaqt li joffri tagħrif espansiv għall-ħaddiema tagħhom. Huma rringrazzjaw lill-ħaddiema involuti u lill-gvern Malti talli assigura investiment li jagħti lok għal investimenti ikbar fil-futur.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, fakkar fl-investiment ta’ erbgħin miljun ewro li sar f’dan il-ħangar ġdid, li jkopri 40,000 metru kwadru.
Huwa qal li l-Indis Malta għaddejja bl-istudji tagħha maż-żoni tal-ajruport kollu sabiex fix-xhur li ġejjin jiġi propost pjan biex l-ispazji kollha jkunu jistgħu jiġu utilizzati aħjar, kemm infrastrutturalment kif ukoll fil-kwalità ta’ taħriġ għal-ħaddiema.
“Hemmhekk irridu naraw u nidentifikaw l-ispazji li jistgħu jiġu utilizzati aħjar sabiex inkunu nistgħu nakkomodaw iktar MRO facilities, nakkomodaw akkademja li tkun speċjalizzata fuq is-settur tal-avjazzjoni fejn jitħlu cargo facilities, fejn tidħol loġistika, engine run bays.”