Dan il-benefiċċju, li se jingħata għall-ewwel darba fi tmiem din il-ġimgħa li ġej, se jkunu eleġibbli għalih dawk iż-żgħażagħ li għandhom bejn is-16 u l-20 sena li jkomplu jistudjaw wara l-iskola obbligatorja.
Kif imħabbar fil-baġit għal din is-sena oriġinarjament kellhom jibbenefikaw dawk il-ġenituri b’żgħażagħ ta’ bejn is-16 u d-19-il sena, li jkunu jistudjaw, u allura jieħdu ħlas sa €500 kull sena sa massimu ta’ tliet snin.
Iżda din il-miżura twessgħet u ġew ikkunsidrati sitwazzjonijiet ta’ studenti, li jew ikunu irrepetew sena fis-Sekondarja, jew ikunu ħadu ‘gap year’, inkella minħabba sitwazzjonijiet ta’ mard jew ċirkostanzi oħrajn u allura jibdew l-istudji Post-Sekondarji tagħhom aktar tard.
Fil-fatt il-kriterji twessgħu biex kull min meta tkun bdiet is-sena skolastika u ma jkunx għalaq l-20 sena, jibbenefika wkoll.
Dwar dan, ONE News tkellem mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musù.
“Allura ħassejna li għandna nkunu aktar flessibbli u hekk issa wessajniha li bejn l-età ta’ 16 u 20, meta persuna jkun beda s-sena skolastika jkun intitolat minn dan il-benefiċċju wkoll u issa jidħol ukoll għal ħlas ta’ tliet pagamenti ta’ €500 kull tliet snin.”
Ġie spjegat kif minn dan il-benefiċċju se jgawdu dawk l-istudenti li qed jistudjaw f’korsijiet full-time jew ikkunsidrati full-time.
Dan il-benefiċċju se jingħata b’mod awtomatiku u mhemmx test tal-mezzi. Huma biss dawk l-istudenti li jattendu fi skejjel tal-privat, li jridu japplikaw fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
AQRA AKTAR: