L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali twaqqfet uffiċjalment waqt id-Delta Summit, li qed jiltaqa’ f’pajjiżna bħalissa, u li attira lejn il-gżira tal-blockchain, Malta, innovaturi, investituri, akkademiċi u awtoritajiet regolatorji taħt saqaf wieħed.L-awtorità, li se titmexxa mill-Kap Eżekuttiv Stephen McCarthy, se tkun responsabbli biex tippromwovi l-politika tal-Gvern ħalli Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza għall-innovazzjoni teknoloġika filwaqt li tara u timplimenta standards li jwasslu biex dawk kollha reġistrati jimxu mal-liġijiet lokali u internazzjonali.
L-awtorità se tħares u toffri appoġġ lill-konsumaturi kollha u se tinkoraġġixxi kull tip ta’ innovazzjoni billi tadotta politika ta’ flessibilità meta tiġi għaċ-ċertifikazzjoni ta’ arranġamenti teknoloġiċi innovattivi.
Preżentament, l-awtorità qed tistabbilixxi linji gwida biex dawk li se jipprovdu servizzi u dawk kollha li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni ta’ arranġamenti teknoloġiċi innovattivi, jiġu megħjuna fir-reġistrazzjoni u fiċ-ċertifikazzjoni tagħhom rispettivament.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri laqa’ t-twaqqif ta’ din l-awtorità li issa se tkun qed twettaq fil-prattika dak li jgħidu t-tliet liġijiet li għaddew mill-Parlament li għamlu minn Malta l-ewwel pajjiż li rregola t-teknoloġija DLT. Dan filwaqt li se jwassal biex ikun attirat aktar investiment lejn pajjiżna.