L-Awtoritajiet Amerikani qed jiċħdu d-dħul ta’ Isabel dos Santos u l-qraba tagħha fl-Istati Uniti.
Isabel dos Santos hija bint l-eks President tal-Angola.
Il-biljunarja, xi darba meqjusa bħala l-aktar mara sinjura fl-Afrika, ilha tiġi mfittxija fuq korruzzjoni.
Kważi tliet kwarti tal-ishma ta’ Dos Santos f’kumpanija bl-isem ta’ Efacec kienu miżmuma permezz tal-kumpanija Maltija Winterfell, li għaliha jidher bħala direttur l-eks deputat Nazzjonalista Noel Buttigieg Scicluna.
Isabel dos Santos spiċċat bl-assi ffriżati f’pajjiżha fuq allegat korruzzjoni u tixħim minn fuq dahar kumpaniji nazzjonali fl-Angola.
L-involviment ta’ Buttigieg Scicluna ma’ dos Santos, li ilha taffaċċja akkużi ta’ korruzzjoni u frodi f’pajjiżha, imur lura għal żmien meta l-eks deputat Nazzjonalista kien igawdi bil-kbir minn Gvernijiet Nazzjonalisti.
F’dan iż-żmien Buttigieg Scicluna serva bħala ambaxxatur għad-Danimarka, pajjiż iffrekwentat sew mir-raġel ta’ dos Santos li wkoll afffaċja akkużi ta’ frodi.
Buttigieg Scicluna kien ukoll membru fuq diversi bordijiet tal-Gvern fejn fuq medda ta’ għaxar snin huwa tħallas mat-€850,000.
Dan filwaqt li fi żmien it-tmexxija tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, huwa kien ifforma parti mill-kummissjoni li tgħarbel il-kandidati Nazzjonalisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Buttigieg Scicluna ilu membru tal-Partit Nazzjonalista mis-snin sebgħin.
Jispikkaw relazzjonijiet mill-qrib fost oħrajn mat-tifel tal-eks Ministru Austin Gatt.
Intant is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken sostna li Dos Santos mhiex se titħalla tidħol fl-Amerka għaliex użat il-pożizzjoni tagħha biex tkun involuta f’korruzzjoni u għamlet miżappropjazzjoni ta’ fondi taċ-ċittadini tal-Angola.