Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva waqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva. Dan qed isir fl-isfond li f’pajjiżna, kif ukoll madwar id-dinja, il-persuni qed jgħixu iżjed fit-tul.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis tkellem dwar l-impenn bis-sħiħ lejn l-implimentazzjoni ta’ strateġiji bl-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif it-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva seħħ sabiex jingħataw pariri lill-Gvern dwar it-triq ’il quddiem lejn it-twaqqif ta’ soċjetà għall-etajiet kollha.
Din hija biss parti mill-politika preżenti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni anzjani Maltin u Għawdxin. Ix-xogħol tal-kummissjoni jinkludi li jiġi żgurat li l-anzjani f’pajjiżna jkollhom: ħajja diċenti u dinjituża; servizz tas-saħħa effiċjenti; pensjonijiet sostenibbli; servizzi ta’ kwalità fil-komunità; djar tal-anzjani bi standards għoljin; ħarsien minn diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età; ħarsien mill-abbuż; kif ukoll parteċipazzjoni iżjed sħiħa u demokratika fis-soċjetà.
Il-Professur Marvin Formosa, li qiegħed jippresedi din il-kummissjoni, spjega kif ir-realtà soċjali li nafu llum se tinbidel kompletament fis-snin li ġejjin peress li l-popolazzjoni anzjana qiegħda dejjem tiżdied, u dan il-fatt iġib miegħu sfidi ġodda. Għaldaqstant, huwa d-dover tal-ġenerazzjoni tal-lum li tippjana u twaqqaf għanijiet ġodda sabiex jitħejja l-qafas għall-bżonnijiet tal-ġejjieni.