Tul is-sena l-oħra, id-Direttorat ta’ Infurzar u Żamma tal-Liġi fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar rċieva tlett elef tliet mija u tlettax-il rapport fuq diversi każijiet b’rabta ma’ żvilupp illegali.
Wara li saru l-investigazjonijiet neċessarji, instab li ħamsa u ħamsin fil-mija tal-każijiet, l-Awtorità sabet li kien hemm żvilupp illegali.
Minnhom, id-Direttorat ħareġ mija ħamsa u erbgħin avviż ta’ infurzar, filwaqt li ħamsa u erbgħin fil-mija ta’ dawk li kissru l-liġi kkoperaw u neħħew l-illegalitajiet qabel ittieħdet azzjoni meħtieġa.
Fi stqarrija, l-Awtorità nnotat kif numru ta’ każijiet dwar żvilupp illegali li sar f’żoni barra mill-iżvilupp f’Malta u f’Għawdex ingħalqu tul dawn l-aħħar ġimgħat.
F’Malta kien hemm erba’ siti f’art ODZ fi Triq il-Wardija f’San Pawl il-Baħar, fi Sqaq taċ-Ċawla u Triq il-Ġarġir fil-limiti tar-Rabat, sit fi Triq ix-Xgħajra kantuniera ma’ Triq Agatha Barbara f’Ħaż-Żabbar – liema siti kienu qed jintużaw għal rimi ta’ skart illegali ta’ vetturi, kontejners u skart tal-kostruzzjoni fost oħrajn fejn issa ngħataw nifs ġdid u nbidlu għall-istat oriġinarju tagħhom.
Intant f’Għawdex sit agrikolu fi Triq Borġ Għarib limiti t’Għajnsielem, kien qed jintuża b’mod illegali bħala parkeġġ ta’ vetturi kummerċjali, issa tnaddaf bil-vetturi tneħħew miż-żona.
Bosta kmamar u strutturi f’diversi siti f’Malta u f’Għawdex, li kienu mibnija mingħajr permess, twaqqgħu mis-sidien stess u issa reġgħu rritornaw fl-istat oriġinali tagħhom.
Fosthom kien hemm kmamar fil-Mellieħa, f’Ħal Luqa, f’Ħal Qormi, f’Ħal Għaxaq, fix-Xewkija u fix-Xagħra.