F’operazzjoni mill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku fi Triq il-Kosta f’ Baħar iċ-Ċagħaq; twaqqfu iktar minn sebgħin vettura minħabba sewqan eċċessiv.
Dawn il-vetturi twaqqfu fi ftit minuti tul in-nofs ta’ nhar tal-Ħadd filgħodu f’operazzjoni bl-użu tal-ispeed guns, bħala parti mill-ġlieda tal-awtoritajiet kontra s-sewqan perikoluż.
ONE News hu nfurmat li fost il-vetturi mwaqqfa, kien hemm saħansitra vetturi li kienu għaddejjin b’iżjed minn mija u għoxrin kilometru fis-siegħa, meta ż-żona li kienu fiha kienet ta’ ħamsin kilometru fis-siegħa.
Il-veloċita massima permessibli f’din it-triq tasal sa sebgħin kilometru fis-siegħa.
Sorsi qalu li waqt din l-operazzjoni, l-Pulizija arrestat ukoll persuna li twaqqfet izda li allegatament ma obdietx l-ordnijiet tal-Pulizija, tant li ħarbet minn fuq il-post. Madankollu l-Pulizija tal-Rapid Intervention Unit kienu kostretti jinterċettaw il-vettura f’Għajn Tuffieħa u jarrestaw ir-raġel.
Filfatt ir-raġel għadu qed jinżamm arrestat fejn ġie nterrogat mill-Pulizija, u mistenni jitressaq il-Qorti; anke jekk waqt l-interogazzjoni kkopera mal-Pulizija.
Il-vettura inżammet mill-Pulizija għall-iżjed stħarriġ, fosthom saret tfittxija ntensiva mis-Sezzjoni tal-Klieb biex jiġi żgurat li ma kellux fil-pussess tiegħu l-ebda sustanza illegali.
Is-sewwieqa kollha mwaqqfa minħabba l-użu ta’ sewqan eċċessiv ngħataw ċitazzjoni, wara li kien bis-saħħa ta’ dan l-apparat ġdid imsejjaħ ‘speed gun’ li bdew jiġu nterċettati saħansitra minn mitejn u ħamsin metru ‘l bogħod.
Din l-operazzjoni ġiet imexxija mill-Ispettur Sergio Pisani, mit-Taqsima tat-Traffiku.