Fir-Rumanija, minn tal-anqas disa’ persuni mietu wara li sptar inħakem minn nirien.
Dan l-isptar jinsab fil-belt ta’ Constanta.
Uffiċjali qalu lill-midja internazzjonali li n-nirien ġew ikkontrollati u ġew evakwati l-pazjenti.
Fil-ħin tal-inċident kien hemm 113-il persuna li kienu qed jieħdu l-kura fl-isptar, b’għaxra minnhom kienu fit-taqsima għall-kura intensiva.
Il-Ministru għas-Saħħa Rumen qal li l-kawża tan-nirien għadha mhux magħrufa u qal li nfetħet investigazzjoni dwar dan il-każ.
Dan huwa t-tielet każ ta’ nirien f’inqas minn sena f’dan il-pajjiż.