Albaniż ta’ 38 sena li jgħix San Pawl il-Baħar tilef ħajtu wara li l-Erbgħa filgħodu waqa’ madwar seba’ sulari f’xaft f’sit ta’ kostruzzjoni waqt li kien qed jaħdem.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-08:00 fi Triq il-Qrempuċ f’Marsaskala.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma’ ħaddiema tas-salvataġġ mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu lir-raġel mix-xaft. Huwa ġie ddikjarat mejjet fuq il-post mit-tobba tal-emerġenza.
Fuq il-post tal-inċident kien hemm ukoll qarib tal-vittma li kien emozzjonat ħafna b’dak li kien għadu kif seħħ.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qed tmexxi l-inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.