Il-Ħadd waranofsinhar tħabbret il-mewt ta’ Tony Zarb fl-età ta’ 68 sena.
Zarb serva għal 17-il sena bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union. Huwa serva bejn l-1998 u l-2015.
Fl-2020, Tony Zarb inħatar bħala Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers’ Union.
Matul il-kampanja elettorali li għaddiet, Tony Zarb indirizza attività politika fis-City Theatre fil-Belt Valletta flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, quddiem diversi anzjani.
Is-saħħa ta’ Tony Zarb ilha diversi xhur tmur lura iżda baqa’ sal-aħħar iżomm kuntatt man-nies permezz tal-profil tiegħu fuq Facebook, fejn saħansitra anki qasam ritratti tiegħu mill-isptar.
Ibnu, il-kompożitur Elton Zarb, kiteb fuq Facebook li m’għandux kliem f’dan il-mument tant diffiċli.
Qallu li l-imħabba li għandu għalih mhu se tmut qatt.
Fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja ta’ Tony Zarb u qal li l-valuri tiegħu kienu jġibu dejjem liż-żgħir u lill-ħaddiem l-ewwel. Huwa wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja u lil sħabu fi ħdan il-GWU.
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja ta’ Tony Zarb u ddeskrivieh bħala pijunier favur is-soċjaliżmu u l-ħaddiem.