Tifel tilef ħajtu u tliet persuni oħra jinsabu l-isptar jissieltu għall-ħajja wara li splużjoni qerdet dar fin-Nofsinhar ta’ Londra.
L-isplużjoni seħħet kawża ta’ gass fi Triq Galpin f’Thornton Heath, għall-ħabta tas-07:00 ħin Ingliż. L-isplużjoni ikkaġunat ħsarat estensivi fi djar tal-madwar, tant li residenti minn 40 propjetà ġew evakwati bħala prekawzjoni.
Ir-residenti qalu li ġimagħtejn ilu kienu rrappurtaw riħa qawwija ta’ gass u ħassewhom sturduti fl-aħħar jiem.
Il-Kunsill ta’ Merton ikkonferma li l-isplużjoni kienet ikkawżata mill-gass, u ddeskrivew is-sitwazzjoni bħala “inċident maġġuri”.
Erba’ persuni kellhom jingħataw il-kura fi Triq Galpin stess. It-tifel li tilef ħajtu ġie iddikjarat mejjet fuq il-post, u l-eta’ tiegħu għadha mhix magħrufa. Ġirien iddeskrivew li, filwaqt li kienu għadhom taħt xokk, kellhom isalvaw tliet itfal oħra mit-terrapien.