Il-Ġimgħa filgħodu tħabbret il-mewt tal-imprenditur u eks Viċi Sindku ta’ Tas-Sliema, Silvio Zammit fl-età ta’ sebgħa u ħamsin sena.
Silvio Zammit kien akkużat b’kompliċità fuq tixħim ta’ sittin miljun ewro minn kumpanija Żvediża tat-tabakk.
Dan il-każ imur lura għal elfejn u tnax, fejn fih kien allegatament involut l-eks Kummissarju Ewropew għas-Saħħa John Dalli. Silvio Zammit kien akkużat mill-Prosekuzzjoni li kien involut ukoll f’dan il-każ.
Dan wara investigazzjoni mill-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi, l-OLAF dwar l-iskandlu tat-tabakk snus.
Din l-investigazzjoni li damet erba’ xhur waslet għar-riżenja ta’ Dalli minn Kummissarju Ewropew.
Silvio Zammit kien kanvaser ta’ John Dalli u anke ta’ eks Ministri Nazzjonalisti oħra, fosthom Michael Refalo u Michael Frendo.
Zammit kien magħruf li kellu ristorant f’Tas-Sliema, fejn kien intqal li kien hawnhekk fejn ipprova jixxaħħam mill-kumpanija Zvediża ‘Swedish Match’, f’dan ir-ristorant biex permezz ta’ Dalli jinfluwenza tibdil ta’ liġi Ewropea biex titneħħa l-projbizzjoni tal-isnus.
B’rabta mal-każ tal-isnus, fix-xhur li għaddew, il-Qorti Kostituzzjonali kienet iddeċidiet li d-drittijiet kostituzzjonali ta’ Zammit kienu ġew preġudikati.
Dan wara dewmien ta’ proċeduri fil-Qorti.
Silvio Zammit kien ukoll President Onorarju tas-Soċjetà Mużikali San Girgor ta’ Tas-Sliema.