Miet il-kap tal-Mafja Sqallija Salvatore Toto Riina. Huwa miet bil-marda qerrieda tal-kanċer. Irrappurtat dan il-midja Taljana.
Riina, li kellu 87 sena, u kien il-kap tal-Cosa Nostra, kien daħal il-ħabs fl-elf disa mija tlieta u disgħin.Huwa kien qed iservi 26 sentenza ta’ għomor il-ħabs u jingħad li ordna l-qtil ta’ iktar minn mija u ħamsin persuna.
Riina kien jinsab f’koma mediċinali u familtu ngħatat permess speċjali biex iżżuru fis-sezzjoni tal-priġunieri fl-isptar ta’ Parma.
Giovanni, it-tifel il-kbir ta’ Riina, ukoll qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs.
Riina kien il-moħħ wara sensiela ta’ bombi f’Ruma, Milan u Firenze fl-elf disa mija tlieta u disgħin. Attakki li ħallew għaxar persuni mejta.
Sena qabel, żewġ imħallfin anti-Mafja Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, inqatlu f’dik imsejħa gwerra ta’ Riina kontra l-istat.