Raġel Awstraljan, li d-demm tiegħu salva aktar minn żewġ miljun tarbija, miet fl-età ta’ 88 sena. Fi tmiem il-ġimgħa, il-familjari ta’ James Harrison, li kien jinsab f’dar tax-xjuħ, ikkonfermaw li kien miet waqt ir-raqda nhar is-17 ta’ Frar.
Il-plażma ta’ Harrison kellha antibody rari, Anti-D, li hija utilizzata sabiex tipprevjeni mard fil-fetu u trabi tat-twelid. Hekk kif, skont ir-Red Cross Awstraljana ddona l-plażma aktar minn 1,100 darba kien ġie mlaqqam “ir-raġel bl-id tad-deheb”.
Harrison kien għamel l-ewwel donazzjoni tiegħu meta kellu tmintax-il sena fl-1954, erba’ snin wara li kien irċieva sensiela ta’ trasfużjonijiet tad-demm wara li kien għadda minn operazzjoni fil-pulmun.
Sakemm kellu 81 sena, jiġifieri għal aktar minn sittin sena huwa kien jagħti d-demm regolarment sabiex jgħin nisa li d-demm tagħhom kien f’riskju li jattakka t-trabi f’ġufhom.
Iżda anke wara mewtu, Harrison mistenni jkompli jsalva l-ħajja ta’ trabi mhux imwielda. Fi proġett kollaborattiv, l-Istitut tar-Riċerka Medikali Walter and Eliza Hall flimkien ma’ Lifeblood irnexxielhom jikkultivaw l-antibody ta’ Harrison f’laboratorju. Riċerkaturi qed jittamaw li din l-iskoperta aktar ’l quddiem tkun tista’ tipprevjeni dan il-mard rari.
Fl-Awstralja hemm madwar 200 donatur tal-Anti-D, li d-demm tagħhom jgħin madwar 45,000 omm u t-trabi mhux imwielda tagħhom kull sena.