Keith Gravina, li f’nofs Novembru li għadda kien ġie rikoverat fl-Isptar Mater Dei wara attentat ta’ suwiċidju fil-ħabs, tilef ħajtu l-Ġimgħa. Ir-raġuni tal-mewt tiegħu fl-Isptar għad trid tiġi stabbilita mill-awtopsja.
Hu kien qed jiskonta sentenza ta’ erba’ snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li sawwat mara b’mod brutali waqt li din kienet rieqda. Hu kien qed jiffaċċja proċeduri oħrajn, inkluż allegat attakk u stupru ta’ mara oħra f’Settembru li għadda.
L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi qalet li Gravina, li kellu 42 sena, kien ġie evalwat minn psikologu jumejn biss qabel seħħ il-każ f’Novembru u ma wera l-ebda intenzjoni li jweġġa’ lilu nnifsu.
Skont il-filmati tas-sigurtà fil-ħabs, jirriżulta li Gravina kien assistit minn ħaddiema u staff mediku minuta biss wara li ntalbet l-assistenza.