Tħabbret il-mewt ta’ Patri Samwel Maria Chetcuti Franġiskan Konventwal, eks Kappillan tal-Parroċċa ta’ Marija Addolorata f’San Pawl il-Baħar u ex-Provinċjal tal-Ordni Franġiskan Konventwal. Huwa miet fl-1 ta’ Jannar fl-età ta’ 80 sena.
Patri Chetcuti twieled il-Ħamrun fl-1938. Fl-1954 beda n-Novizzjat mal-Ordni Franġiskan Konventwali u fid-9 ta’ Marzu 1963 huwa ġie ordnat saċerdot. Patri Samwel laħaq Viċi kappillan tal-Parroċċa tal-Gzira fl-1969. Huwa sar kappillan tal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar fl-1974. Tul il-parrokkat tiegħu ħadem kemm felaħ biex jara l-ħolma tal-bini tat-tkabbir tal-knisja ta’ San Pawl il-Baħar issir realta.
Fl-elf disgħa mija u tmenin huwa ġie msejjaħ sabiex jiftaħ il-Missjoni fl-Indja fejn dan hemm sal-1989. Fl-1993 inħatar Gwardjan tal-kunvent fil-komunità l-ġdida tal-Qawra u Buġibba, u fl-1995 irritorna bħala kappillan fil-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar, fejn dam sal-1999.
Patri Samwel nħatar Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali ta’ Malta bejn 2007 u 2011.
Il-funeral tiegħu se jsir għada l-Ħamis fit-15:30 ta’ waranofsinhar fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar.