Tħabbret il-mewt tas-Surmast rinomat Mro Joseph Sammut fl-għomor ta’ 98 sena.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, sellem lil Sammut bħala wieħed mill-ġganti mużikali f’pajjiżna.
Sammut, li kien mill-Belt Valletta, kien ukoll il-fundatur tal-Orkestra tat-Teatru Manoel, li wara saret dik li llum nafuha bħala l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Mro Sammut kien l-aħħar surmast tal-Orkestra tal-Kap Kmandant tal-Qawwiet Navali Rjali f’pajjiżna, waqt li wkoll mexxa kunċert fil-preżenza tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni.
Fost oħrajn li sellmu l-memorja tas-Surmast Sammut, kien hemm dak tas-Soċjetà Filarmonika Leone tar-Rabat, Għawdex, li qalet li hu kien mexxa l-Banda Ċittadina bejn l-1958 u l-1991, waqt li kien is-Surmast tagħha meta fl-1963 fetħet l-ewwel Teatru Aurora fi Triq Saver Cassar u wara fl-1976 it-Teatru attwali fi Triq ir-Repubblika.
Is-Soċjetà qalet li f’dan tal-aħħar, Sammut idderieġa l-ewwel opera lirika f’Għawdex – il-Madama Butterfly – fis-7 ta’ Jannar tal-1977.