Miet Saviour Muscat, missier l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, wara li dan l-aħħar sentejn kien qed jiġġieled il-marda tal-kanċer.
F’kitba fuq il-midja soċjali Dr. Muscat qal kif fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu ma setax ikun ma’ missieru, iżda kien imdawwar b’ommu, martu Michelel u wliedu Etoile u Soleil.
Joseph Muscat qal kif iħossu seren hekk kif missieru u hu kienu qrib fil-50 sena ta’ qabel, u l-aktar f’dawn is-sentejn u nofs.
“Ħadem għall-familja u għallimni ngħozz il-bżulija. L-akbar valur għalih kienet l-edukazzjoni… Kien fost l-aktar kritiċi ħorox tiegħi fil-politika, b’mod tajjeb, għaliex dejjem riedni nkun aħjar. Jekk xi ħaga tgħaddi mit-test tal-kritika tiegħu, kont naf li se tkun tajba” tenna Joseph Muscat.
Żied jgħid li għallmu li għandu jħobb mhux jobogħod, u li jaħdem biex nagħmel il-ġid u mhux id-deni.
Fost l-oħrajn huwa rringrazzja lil Dr. Nick Refalo, lill-ħaddiema kollha tas-SAMOC li kienu magħhom fit-triq kollha, lil eks Ministru Chris Fearne u lill-Ministru Jo Etienne Abela, b’dan tal-aħħar qatt ma telqu minn taħt għajnejh bħala pazjent.
Sadanittant il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali sellem il-memorja ta’ missier Joseph Muscat, li saħaq kif Salvu huwa persuna li kull meta kellmu ra fih raġel mill-iktar ġentili u ta’ valuri sodi.
Bagħat il-kondoljanzi tiegħu wkoll, il-Partit Laburista fejn fi stqarrija qal li Salvu Muscat jibqa’ magħruf bħala bniedem ġentili li kien iħobb lill-għajru u kien bniedem ta’ valuri sodi, fejn ta kontribut kbir lejn il-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin, parikolarment il-festa tradizzjonali.
Huma bagħtu l-kondoljanzi lil Joseph u Michelle Muscat, Etoile u Soleil, u lil mart Salvu, Grace.
Magħhom inagħqdu baħar ta’ kummenti ta’ solidarjetà mal-familja Muscat, fosthom bosta għaqdiet tal-festi, inkluż kmamar tan-nar.