Tħabbret il-mewt ta’ Joseph Buttigieg, eks-Professur fl-Università Notre Dame li ilu jgħix fl-Istati Uniti għal snin twal u missier is-Sindku Malti-Amerikan ta’ South Bend f’Indiana fl-Istati Uniti, Peter Buttigieg.
Permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, ibnu Peter ħabbar il-mewt ta’ missieru fejn esprima d-dieqa tiegħu għat-telfa li qed iġġarrab familtu. Spjega kif missieru se jibqa’ mfakkar għall-imħabba li kellu għall-ħajja u għall-passjoni li kellu.
Spjega kif il-familja tinsab grata ferm lejn il-ħbieb u l-qraba għall-appoġġ li offrew lill-familja kemm dam marid missieru, u faħħar ukoll il-kura eċċellenti li rċieva.
Peter fakkar lil missieru bħala raġel b’intelletwal qawwi, li kien ta’ għajnuna għal bosta persuni u għall-imħabba li dejjem wera lil martu, ibnu u dawk kollha qrib tiegħu.
“Kien ħabib, kollega, ħassieb, u edukatur, li ħalla impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ bosta,” qal dan Peter Buttigieg.
F’messaġġ fuq Facebook il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fakkar il-memorja ta’ Joseph Buttigieg fejn spjega kif kien raġel li għamel ħafna ġdid liż-żgħażagħ li bdew l-Università madwar 47 sena ilu. Iddeskrivieh bħala raġel b’moħħ kbir, qalb kbira u li dejjem emmen u għex il-valuri tal-ġustizzja soċjali, id-demokrazija u dejjem kien kontra r-renju li bil-flus tixtri lil kulħadd. Temm billi qal li pajjiżna għandu jonora wlied bħalu.
Intant is-Sindku Malti-Amerikan Peter Buttigieg bħalissa qed jiġi kkunsidrat bħala kandidat prospettiv għall-elezzjonijiet Presidenzjali tal-Istati Uniti.