Tħabbret il-mewt tal-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Lorenzo Vella.
Vella, li kellu 43 sena, miet wara li ħakmu kanċer terminali u ħalla jibkuh lil martu Cheryl u liż-żewġ uliedu.
Huwa kien inħatar fl-irwol li kellu fl-ewwel ta’ Marzu tas-sena l-oħra, wara esperjenza ta’ 15-il sena fl-Affarijiet Ewropej fi Brussell u fil-Lussemburgu, u anki fis-servizz pubbliku hawn Malta.
Sa dakinhar kien iservi bħala r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu.
Lil Lorenzo Vella konna smajna bih lura f’Marzu tal-2016, meta hu u martu, dakhinar b’għoxrin ġimgħa tqala, kienu sfaw vittmi tal-attakk terroristiku li kien seħħ fl-ajruport ta’ Brussell u li ħasad il-ħajja ta’ 22 persuna.
Esperjenza li f’kumment li kien ta lil ONE NEWS ħalliet impatt kbir fuq ħajtu.
Lorenzo Vella kien ukoll protagonist ewlieni għal-laqgħa tal-MED9 li saret f’Settembru li għadda f’pajjiżna, fejn kien hu li ħabbar li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kienet se tiġi għat-tieni darba f’pajjiżna.
Fost dawk li sellmulu kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela li qal kif huwa “imnikket bit-telfa ta’ Lorenzo, li ta servizz impekkabbli lil pajjiżna u f’żgħożitu fil-Partit Laburista.”
Ingħaqad miegħu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg, li bagħat il-kondoljanzi tiegħu lil martu u wliedu.
Il-Partit Laburista, flimkien anke ma’ Ministri u Deputati oħra Laburisti, fakkru wkoll il-memorja ta’ Lorenzo.
Fi stqarrija maħruġa minn Żgħażagħ Laburisti ġie mfakkar kif huwa serva bħala Segretarju Ġenerali tal-fergħa bejn l-2002 u l-2003, u l-2004 u l-2008.
Fost il-ħafna tislimiet, spikka l-messaġġ fuq Facebook tal-uffiċċju li kien imexxi Lorenzo Vella, fejn kitbu li huma mnikktin bit-telfa tiegħu.
Kitbu hekk; “Meta ngħaqad magħna ftit aktar minn sena ilu, Lorenzo ġab miegħu enerġija, entużjażmu u viżjoni li taw nifs ta’ ħajja ġdida lir-Rappreżentanza. Il-kondoljanzi tagħna lil martu u wliedu, lil familtu u lill-maħbubin tiegħu.”
Sadanittant, fuq il-pjattaforma X, kitbet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li ddeskriviet lil Lorenzo bħala qalbu tajba, entużjast u passjonat fuq dak li jagħmel. Hija bagħtet il-kondoljanzi tagħha lil qraba tiegħu.
Ninsab imnikkta ħafna bil-mewt ta' Lorenzo Vella, il-Kap tar-Rappreżentanza tagħna tal-@ECRepMalta.⁰⁰Se nibqa’ niftakru bħala persuna mill-aħjar u mimli entużjażmu, kif ukoll Ewropew passjonat.⁰⁰Nagħti l-għomor lill-familja, il-ħbieb, u l-kollegi tiegħu f’dan iż-żmien…
— Ursula von der Leyen (@vonderleyen) August 18, 2024