Kmieni l-Ħamis filgħodu tħabbret il-mewt ta’ Liam Payne fl-età ta’ 31 sena wara li waqa’ mill-kamra tal-lukanda sitwata fit-tielet sular. Il-mużiċist Brittaniku li kien jifforma parti mill-grupp popolari One Direction, kien jinsab fil-kapitali Arġentina Buenos Aires wisq probabli sabiex jattendi kunċert ta’ ex membru ieħor ta’ One Direction Niall Horan li sar fit-2 t’Ottubru.
Jidher li l-inċident seħħ l-Erbgħa fil-5:00 pm ħin tal-Arġentina, nofsinhar f’Malta.
Il-pulizija Arġentina qalet li kienu ġew imsejħa fuq il-post mill-maniġer tal-lukanda minħabba raġel aggressiv li seta’ kien taħt l-influwenza ta’ drogi u alkoħol fejn qallhom li kien sema’ ħoss kbir fuq wara tal-lukanda u meta marru jinvestigaw sabu li kien waqa’ raġel mill-gallarija ta’ kamartu.
Għalkemm l-għajnuna mit-tim ta’ emerġenza waslet fuq il-post fi ftit minuti huwa kien ikkonfermat diġa mejjet kawża tal-ġrieħi gravi riżutat tal-waqa. Sa dak il-ħin il-persuna ma kinitx ġiet identifikata bħala Payne.
Investigazzjonijiet huma għaddejjin dwar x’wassal għal din id-diżgrazzja u se ssir ukoll awtopsja.
Sadanittant ħafna segwaċi ta’ dan il-kantant qegħdin jinġabru quddiem il-lukanda jibku t-telfa ta’ Liam Payne.