Tilef il-battalja kontra l-mewt l-imprenditur Hugo Chetcuti wara li tard il-Ġimgħa filgħaxija huwa qala’ żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku tiegħu fi stabbiliment f’Paceville.
Huwa kien qed jinżamm fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar Mater Dei bil-kundizzjoni tiegħu ġiet iddikjarata mill-ewwel bħala waħda krtika.
one.com.mt jista’ jikkonferma li s-Sur Chetcuti li kellu 51 sena miet tard il-Ħamis filgħaxija fit-Taqsima tal-Kura Intensiva wara li l-qagħda ta’ saħħtu qalbet għall-agħar tant li fl-aħħar jiem reġa’ ġie operat.
Bojan Cmelik raġel Serb ta’ 35 sena qed jiġi mixli bil-qtil tas-Sur Chetcuti.
Is-Sur Hugo Chetcuti imprenditur rinomat Malti kien magħruf għat-tmexxija tiegħu f’diversi stabbilimenti tad-divertiment, ħwienet tal-ikel u lukandi ġewwa Paceville.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.45 tal-Ġimgħa filgħaxija f’Paceville meta l-Pulizija daħlulha rapporti li kien għadu kif ġie aggredit persuna b’sikkina. Inċidentalment, il-każ seħħ waqt il-ftuħ ta’ stabbiliment ġdid tas-Sur Chetcuti.
Huwa ttieħed l-isptar b’urġenza permezz ta’ karozza privata minn xi uffiċjali tas-sigurtà u minn qrabatu li kienu miegħu fl-istabbiliment. Allegatament is-Serb mar jgħannqu u niffdu b’sikkina.
Huwa kellu jiġi operat minnufih minħabba l-ġrieħi serji li ġarrab.
L-aggressur ġie arrestat f’Tas-Sliema wara li ntlemaħ għall-ewwel darba fit-telgħa tal-Balluta fejn minn hemm huwa ħarab jiġri lejn Tas-Sliema. Għal xi ħin huwa rnexxielu jiżgiċċa lill-Pulizija fl-inħawi tal-Exiles madankollu ftit tal-ħin wara hu ġie arrestat ħdejn l-isptar St James wara li pprova jirreżisti l-arrest.
Is-Serb tressaq il-Qorti l-għada s-Sibt u ġie mixli bl-attentat ta’ qtil tas-Sur Chetcuti. Fil-Qorti, is-Serb ma lissinx kelma bil-qorti tordna li jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Sorsi qrib il-korp tal-Pulizija ma eskludewx li dwar dan il-każ jista’ jkun hemm id moħbija.