Tħabbret il-mewt tal-Imħallef Emeritu Lino Farrugia Sacco.
Huwa miet fl-età ta’ 72 sena.
Apparti l-karriera legali tiegħu bħala Avukat u fl-1997 inħatar Imħallef, Farrugia Sacco jibqa’ mfakkar għall-kontribut kbir li ta lill-isport Malti.
Fl-1988 huwa kien elett Viċi President tal-ewwel Kumitat Olimpiku Malti.
Wara kien laħaq President tal-Kumitat Olimpiku Malti u kien involut fil-Kumitat Internazzjonali Olimpiku u anki dak tal-Logħob tal-Commonwealth.
Meta kien iżgħar waqqaf il-Ħamrun Tennis Club u kien anki Viċi President tal-klabb tal-futbol ta’ Ħamrun Spartans.
Bis-saħħa tiegħu, daħal it-tennis fil-Logħob għall-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa.
Dr Farrugia Sacco għamel xi żmien ukoll President tal-Għaqda tal-Mużikali San Ġużepp fil-Ħamrun.
F’ħajtu ppreseda wkoll għadd ta’ bordijiet investigattivi u serva bħala eżaminatur għal għadd ta’ sezzjonijiet fil-liġi kriminali u ċivili fl-Università ta’ Malta.
Huwa kien ukoll Chairman tal-Awtorità tal-Artijiet.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, Clifton Grima sellem il-memorja ta’ Farrugia Sacco u fissru bħala bniedem li ta ħafna lill-isport Malti.