Il-Basketball lokali jinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt tal-ex kowċ John Tabone fl-eta’ ta’ 71 sena. Tabone huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa kowċies tal-Basketball ta’ kull żmien. Kellu wkoll karriera sabiħa bħala plejers.
Huwa kien kowċ tat-team nazzjonali malti fis-snin tmenin. Tibqa’ tissemma’ l-midalja tal-bronż waqt l-ewwel edizzjoni tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fl-1985 u midalja oħra tal-bronż sentejn wara.
Apparti t-team nazzjonali malti, l-aqwa tal-karriera bħala plejer u kowċ kien mat-team ta’ Luxol fejn magħhom rebaħ bosta unuri. Jibqgħu memorabbli bħala kowċ ta’ Luxol il-ħames unuri konsekuttivi bejn l-2007 u l-2009.
F’karriera ta’ 38 sena bħala kowċ ta’ Luxol, Tabone ikkowċja madwar elf logħba kompetittiva fejn rebaħ disa’ darbiet il-kampjonat, ħdax-il kompetizzjoni Knock Out, seba’ darbiet l-MBA Shield, tmien Super Cups u tliet darbiet il-Louis Borġ Cup. Huwa kien anke wieħed mill-fundaturi tal-istess klabb fis-snin sittin.
Ricentement Tabone kien iddaħħal fil-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti għall-kontribut li ta lill-isport lokali.
Il-portal ta’ One News iwassal il-kondoljanzi lill-familjari kollha ta’ John Tabone.