It-Tnejn waranofsinhar tħabbret il-mewt tal-eks Sindku ta’ Birżebbuġa, Joe Farrugia, jew “ir-Ricky”, kif kien magħruf minn bosta.
Għal snin twal, hu kien Sindku tal-lokalità sa mill-ħolqien tal-kunsilli, sakemm f’Settembru tal-2021 iddeċieda li kien wasal iż-żmien biex iċedi postu u, f’Settembru ta’ dik is-sena, ħalla f’idejn is-Sindku preżenti, Scott Camilleri.
ONE News tkellem ma’ Camilleri, li serva għal sentejn bħala Viċi Sindku taħt “ir-Ricky” u rawmu għal din il-kariga.
“Persuna li dejjem jiggwidak kif l-aħjar possibbli. Persuna li bena Birżebbuġa, bil-formazzjoni tal-kunsilli. Jiġifieri dan il-bniedem għad imur fl-istorja bħala l-persuna li fforma lil Birżebbuġa li nafu llum il-ġurnata.”
Scott Camilleri, is-Sindku ta’ Birżebbuġa
Semma wkoll il-ħidma li għamel fis-snin twal bħala Sindku.
“Ir-Ricky għadha minn esperjenzi varji fil-lokalità tagħna. Trid tara li dan, f’25 sena li għamel Sindku, esperjenza ġlidiet kbar fejn tidħol l-industrija fil-lokalità tagħna u rnexxielu jibni mill-ġdid il-lokalità u dejjem jinnegozja mill-aħjar possibbli favur il-ġid tar-residenti. Naħseb din xi ħaġa ta’ min jammira u kulħadd għandu jimxi fuq il-passi tiegħu.”
Scott Camilleri, is-Sindku ta’ Birżebbuġa
Camilleri semma parir li kien jgħaddielu “r-Ricky” ta’ kuljum.
“Ittratta lil kulħadd l-istess. Din kien jesiġi fuqha minn filgħodu sa filgħaxija, tarax uċuh politiċi. Kulħadd hu Birżebbuġġjan, kulħadd għandu l-istorja tiegħu, tarmi lil ħadd u ġib lil kulħadd miegħek. Naħseb dik l-aħjar strateġija li qatt tista’ tuża.”
Scott Camilleri, is-Sindku ta’ Birżebbuġa
Joe jew “Ir-Ricky” kien ukoll preżenti għat-tnedija tal-pjan tar-riġenerazzjoni tax-Xatt ta’ Birżebbuġa, mill-Prim Ministru Robert Abela, ftit tal-jiem ilu. Din żġur kienet ħolma tiegħu, li issa se tkun qed issir realtà.
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista sellmu l-memorja tal-eks Sindku ta’ Birżebbuġa.