Id-dinja tal-karozzi u b’mod partikolari dik tal-Formula 1 tinsab f’luttu hekk kif tħabbret il-mewt tas-sewwieq leġendarju Awstrijak Niki Lauda.
L-aħbar tal-mewt tiegħu tħabbret mill-familja fi stqarrija ppubblikata fil-midja Awstrijaka, fejn qalet li Lauda miet it-Tnejn filgħaxija. Fl-aħħar xhur huwa kien qed jirkupra minn trapjant tal-pulmun minħabba kumplikazzjonijiet li kien qiegħed isofri.
Lauda rebaħ il-kampjonat tal-Formula Wieħed tliet darbiet, darbtejn mal-Ferrari fl-1975 u fl-1977 u mal-McLaren fl-1984. Huwa jibqa’ magħruf l-aktar għall-inċident ikrah ħafna li kellu fil-Grand Prix tal-Ġermanja fl-1 ta’ Awwissu tal-1976 meta spiċċa maqbud fil-karozza li kienet qed tinħaraq.
Lauda kien għamel diversi ġimgħat l-isptar u kien f’kundizzjoni kritika tant li kienet saritu l-griżma. Iżda b’mod sorprendenti għall-aħħar, sitt ġimgħat wara l-inċident u f’ħafna uġieħ, irritorna lura fil-karozza.
Wara li rtira mill-Formula Wieħed fl-1985 huwa ħa diversi rwoli maniġerjali ma’ diversi timijiet, fosthom il-Ferrari u l-Jaguar. L-aħħar kariga tiegħu, li żamm sa mewtu, kienet dik ta’ chairman mhux eżekuttiv tal-Mercedes. F’din il-kariga kien pedina importanti fir-rebħ tal-ħames kampjonati konsekuttivi li t-tim Ġermaniż għamel fl-aħħar snin.