Miet l-eks Segretarju tal-Istat Amerikan George P. Shultz, fl-età ta’ 100 sena.
Huwa kien strumentali biex intemmet il-Gwerra l-Bierda.
Shultz kien Segretarju tal-Istat taħt il-President Amerikan Ronald Reagan.
Huwa wieħed miż-żewġ persuni Amerikani li okkupa erba’ karigi differenti fil-Kabinett Amerikan.
Apparti li kien Segretarju tal-Istat, Shultz kien ukoll Segretarju tad-Dipartiment tat-Teżor, Segretarju tad-Dipartiment tax-Xogħol u Direttur tal-Uffiċċju tal-Budget u l-Immaniġġjar taħt it-tmexxija tal-President Richard Nixon.
Fi snin ħamsin, Shultz ħadem bħala ekonomist tal-Kunsill tal-Konsulenti Ekonomiċi.
Fis-17 ta’ Frar tal-1983, George P. Shultz iltaqa’ mal-Eks Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Alex Sceberras Trigona sabiex ikun irratifikat il-ftehim tal-eżenzjoni tat-tassazzjoni doppja u l-għajnuna tal-Istati Uniti għan-newtralità ta’ Malta.
Huwa kien ingħata l-Medalja tal-Libertà fl-1989 mill-Gvern Amerikan.
Shultz miet fl-istat ta’ Kalifornja iżda l-kawża tal-mewt tiegħu għadha mhux magħrufa.