Tħabbret il-mewt ta’ Silvio Parnis, eks xandar, sindku, Segretarju Parlamentari u Deputat Laburista, fl-eta’ ta’ 57 sena.
Silvio Parnis twieled f’Raħal Ġdid fid-dsatax t’Ottubru tal-1965. Huwa ħalla jibku t-telfa tiegħu lil martu Dorianne u ibnu Jacob.
Silvio Parnis beda l-karriera politika tiegħu bħala sindku ta’ Raħal Ġdid. Eventwalment ġie elett bħala Deputat Parlamentari fejn għal ħames leġiżlaturi differenti, irrapreżenta l-kostitwenti tar-raba’ distrett elettorali fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Silvio Parnis serva wkoll fil-Kabinett tal-Ministri bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet kif ukoll għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità f’perjodi differenti.
Huwa ta kontribut kbir ukoll fl-istazzjonijiet ONE fejn anki uża x-xandir biex jinforma u jgħin lil kull min kien qed jgħaddi minn diffikultajiet. Deskritt minn bosta bħala persuna ta’ qalb kbira u li dejjem kien viċin in-nies, Silvio Parnis se jibqa’ mfakkar għad-dedikazzjoni tiegħu lejn il-komunità u l-anzjanità attiva.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li ‘tlifna bniedem tan-nies‘.
Il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja tiegħu.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li matul il-ħidma politika tiegħu, Silvio Parnis dejjem ħadem bil-mod tiegħu favur il-ġustizzja soċjali u favur dawk l-aktar fil-bżonn. “Ħidma li kienet apprezzata mill-elettorat li, elezzjoni wara l-oħra, tah il-fiduċja.”
Sentimenti ta’ niket esprimihom ukoll il-President ta’ Malta George Vella.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, f’ismu u f’isem il-Kamra tad-Deputati, sellem il-memorja ta’ Silvio Parnis u l-ħidma li wettaq fil-Kamra kemm bħala Deputat kif ukoll f’diversi karigi parlamentari bħala Chairperson ta’ numru ta’ Kumitati tal-Kamra, bejn Ottubru 1998 u Frar 2022.
Ma naqsux sensiela ta’ kondoljanzi fuq il-mezzi soċjali, b’dawk li kienu jafuh jirrimarkaw kemm kien persuna umli u ġenwin.
Oħrajn esprimew gratitudni għad-dedikazzjoni li kellu lejn il-kostitwenti.
Ir-rispett lejn Silvio Parnis imur lil hinn mill-fehma politika. Xehdu dan dawk li ħadmu qrib tiegħu.
One News iwassal il-kondoljanzi lil martu Dorianne, ibnu Jacob u lil dawk qrib taghhom.