Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici fl-età ta’ 89 sena.
Karmenu Mifsud Bonnici, iben Lorenżo Mifsud Bonnici u Catherine Buttigieg, twieled Bormla nhar is-sbatax ta’ Lulju tal-elf disa’ mija u tlieta u tletin.
Wara li rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja tiegħu, Mifsud Bonnici kompla bl-istudji tieġħu fl-Università ta’ Malta fejn temm b’suċċess Baċċellerat tal-Arti kif ukoll Dottorat tal-Liġi fl-elf disa’ mija u erbġħa u ħamsin.
Fl-elf disa’ mija u tmienja u sittin, huwa gradwa mill-Università ta’ Londra fil-Liġi Fiskali u Industrijali.
Meta kien għadu student, Karmenu Mifsud Bonnici kien membru attiv fi ħdan il-Moviment Ħaddiema Kattoliċi Żgħażagħ.
Fl-elf disa’ mija disa’ u sittin, huwa inħatar konsulent lokali għall-General Workers’ Union fejn kien protagonist fil-ġlieda kontra l-Liġi tar-Relazzjonijiet Industrijali kif proposta mill-Partit Nazzjonalista.
Din kienet tinkludi sentenza ta’ ħabs lil ħaddiema li jistrajkjaw.
Karmenu Mifsud Bonnici kien ġej minn familja Nazzjonalista, b’diversi membri mill-familja tiegħu li kienu saħansitra Deputati Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fost oħrajn wieħed jista’ jsemmi lil ħuh Antoine li kien Segretarju Parlamentari, filwaqt li kuġinuh, Ugo Mifsud Bonnici kien Ministru u sussegwentament President ta’ Malta.
Fid-dawl ta’ dan kollu u l-futur tiegħu, l-eks Prim Ministru kien stqarr li huwa kien Nazzjonalist mit-twelid, iżda Laburist bl-għażla u l-konvinzjoni.
Huwa beda l-karriera tiegħu fi ħdan il-Partit Laburista fl-elf disa’ mija u tmenin, proprju meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff propona lil Karm Mifsud Bonnici bħala Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Partit. Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista kienet approvat din il-proposta b’mod unanimu.
Fl-elf disa’ mija u tnejn u tmenin, il-Prim Ministru Mintoff ressaq mozzjoni quddiem il-Konferenza Ġenerali fejn permezz tagħha ħuwa ppropona lil Dr Mifsud Bonnici bħala l-mexxej nominat tal-Partit Laburista.
Għal darb’oħra din il-proposta kienet approvata unanimament mill-Konferenza Ġenerali kif ukoll mill-General Workers’ Union.
Wara li l-Membru Parlamentari Pawlu Xuereb irriżenja fl-elf disa’ mija u tnejn u tmenin, Karmenu Mifsud Bonnici kien co-opted fil-Parlament u maħtur Ministru għax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali.
Il-karriera politika tiegħu kompliet miexja ’l quddiem sena wara, meta ħuwa nħatar Deputat Prim Ministru kif ukoll Ministru għall-Edukazzjoni.
Permezz ta’ din ir-responsabbiltà huwa kien protagonist fil-kwistjoni bejn il-Knisja u l-Istat rigward l-introduzzjoni tal-Edukazzjoni b’xejn għal kulħadd.
Fl-elf disa’ mija u erbgħa u tmenin, wara r-riżenja ta’ Dom Mintoff aktar kmieni fl-istess jum, Dr Mifsud Bonnici ħa l-ġurament bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Fost oħrajn huwa kien responsabbli miċ-Ċittadinanża, l-Uffiċċju Elettorali, l-Esplorazzjoni taż-Żejt, it-Telegrafika ‘Wireless’, ix-Xandir Pubbliku, l-Avjazzjoni kif ukoll il-Portijiet.
Matul il-karriera politika tiegħu, huwa okkupa ukoll il-kariga ta’ Ministru għall-Intern fejn kien responsabbli mill-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Sigurtà fl-Ajruport fost responsabilitajiet oħra.
Fl-elf disa’ mija ħamsa u tmenin, Karmenu Mifsud Bonnici kellu sehem ewlieni fin-negozjati li ddominaw il-ħtif t’ajruplan Eġizzjan li niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Bejn l-elf disa’ mija sebgħa u tmenin u l-elf disa’ mija tnejn u disgħin huwa anki serva bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Karmenu Mifsud Bonnici baqa’ jiġi elett fil-Parlament Malti sal-elf disa’ mija sitta u disgħin.
Wara xorta baqa’ attiv politikament, bl-aħħar involviment dirett tiegħu ikun fl-elfejn u tlieta meta permezz tal-Kampanja Indipendenza Nazzjonali, huwa kien oppona d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Fil-Partit Laburista wkoll baqa’ figura attiva wkoll sa żmien riċenti meta fl-aħħar elezzjoni għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, deher jivvota bħala delegat tal-Konferenza Ġenerali u anki kellu laqgħat sbieħ mal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
L-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista huwa mniżżel fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu bħala kumpann tal-unur.
Intant il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, Eks Prim Ministru ta’ Malta u Mexxej tal-Partit Laburista.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ideal soċjalist demokratiku li ħaddnu b’konvinzjoni u l-mod kif iddedika ħajtu għall-ħidma favur il-klassi tal-ħaddiema.