Joe Cilia, meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers tal-ġenerazzjoni tiegħu, tilef ħajtu fl-età ta’ 79 sena.
Id-difensur kien membru mat-tim ta’ Malta meta lagħbu kontra l-Awstrija fl-Empire Stadium fil-Gżira fl-1957, l-ewwel logħba uffiċjali internazzjonali.
Cilia kien fost il-plejers li ġie onorat mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol waqt attività lura fi Frar fejn ġie kkommemorat is-60 anniversarju minn dik l-okkażjoni għall-futbol Malti. Ħa sehem f’għaxar logħbiet f’isem Malta, u kien l-kap tat-tim nazzjonali darba waqt logħba ta’ ħbiberija kontra l-Italja fl-1964.
Hu ngħata it-titlu ta’ MFA Footballer of the Year darbtejn fil-karriera tiegħu fejn kien ukoll plejer-kowċ tat-tim Melita Eagles f’Sydney meta mar jgħix l-Awstralja. Hu eventwalment reġa’ ġie jgħix lura Malta fejn ingħaqad mal-Belt fl-1972.
Cilia kellu karriera ta’ suċċess fl-ikkowċjar, fosthom il-Belt, il-Furjana, il-Hibernians u r-Rabat Ajax.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol bagħtu l-kondoljażi tagħhom lill-familja ta’ Cilia.