Il-Ħadd filgħodu tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon, fl-età ta’ 79 sena.
Huwa kien Membru Parlamentari għal erba’ leġiżlaturi konsekuttivi, bejn l-1976 u l-1996. Kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1976 f’elezzjoni każwali fuq l-għaxar distrett.
Huwa kien Ministru għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura bejn l-1987 u l-1992, Ministru għall-Ambjent bejn l-1992 u l-1994 u fl-aħħar sentejn tal-leġiżlatura kien Ministru tal-Edukazzjoni.
Fil-bidu tad-disgħinijiet kien strumentali sabiex twaqqfet l-Awtorità tal-Ippjanar.
Wara l-politika, bejn l-1998 u l-2008 kien iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Fl-2004, huwa kkontesta wkoll l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista. Huwa kien involut ukoll fit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA u kien l-ewwel President tagħha.
Bosta sellmu l-memorja tal-Perit Falzon, fosthom il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, fejn fi stqarrija hi nnotat li sal-lum stess Falzon kien għadu għaddej bil-ħidma tiegħu bħala opinjonista, b’opinjonijiet li kienu mfittxija.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja tal-Perit Falzon.
Dr Abela qal li ma’ Michael ħadem fuq livell professjonali snin ilu, fejn flimkien waqqfu waħda mill-akbar assoċjazzjonijiet f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li hu u Michael Falzon iltaqgħu l-aħħar, ftit tal-ġimgħat ilu, fejn kellhom diskursata interessati dwar il-futur tal-pajjiż u kif jista’ jitjieb. Kompla jgħid li l-Perit Falzon kien “eks Ministru li ta servizz lill-pajjiż.”
Intqal kif ħsibijietu dejjem kien jippreżentahom b’tali mod li joħroġ il-ġid.
Permezz ta’ stqarrija, il-Partit Laburista wkoll sellem il-memorja tal-Perit Michael Falzon, fejn intqal li hu baqa’ jagħti kontribut fost l-oħrajn b’kitbiet regolari u interventi fil-mezzi tax-xandir.
Taw il-kondoljazzjoni wkoll l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u l-Partit Nazzjonalista.
L-eks Ministru Nazzjonalista, li wkoll kien opinjonista u jitkellem dwar diversi temi kurrenti fuq livell nazzjonali u anke internazzjonali, kiteb l-aħħar artiklu ta’ opinjoni tiegħu li deher fil-ħarġa tal-lum tal-MaltaToday.