L-eks Ministru Joe Grima miet ftit tal-ħin ilu wara numru ta’ snin jissielet mal-mard. Huwa miet lejlet li kellu jagħlaq 81 sena. Joe Grima, li twieled iż-Żejtun, kien għalliem fl-iskola tal-Furjana u ġurnalist mat-Times. Grima anki serva bħala Kap tal-Programmi fir-Redifussion.
Grima imbagħad kien inħatar bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir. Grima jibqa’ bħala figura ikonika max-xandir iżda lejn tmiem is-snin sebgħin huwa kien inħatar mill-Prim Ministru Dom Mintoff bħala l-mibgħut speċjali tal-Gvern f’affarijiet barranin. Hawnhekk Joe Grima kien strumentali biex jinnegozja ftehim wara l-ieħor favur l-interessi ta’ pajjiżna.
Joe Grima daħal ukoll fix-xena politika u għall-ewwel serva bħala Ministru għall-Industrija imbagħad aktar tard għat-Turiżmu. L-esperjenza twila fix-xandir kompliet tgħinu biex imbagħad beda jippreżenta numru ta’ programmi fejn sa ftit tas-snin ilu kien jippreżenta l-programm Inkontri fuq ONE. L-aħħar kariga li serva kien propju ftit tas-snin ilu fejn kien il-mibgħut ta’ pajjiżna fl-Organizazzjoni Dinjija għat-Turiżmu.