Tħabbret il-mewt tal-eks Champion tad-Dinja Ġużi Grech fl-età ta’ 66 sena.
Sfortunatament huwa miet mewta naturali aktar kmieni llum fl-istabbiliment tal-isnooker 147, fil-Ħamrun. Il-post fejn fih kien jittrenja l-logħoba li tant kiseb suċċessi fiha tul il-karriera tiegħu.
Grech kien Champion tad-Dinja tal-Billiard fl-1997 filwaqt li rebaħ il-kampjonat Malti tal-Isnooker iktar minn 20 darba. Fost oħrajn huwa kien ġie t-tieni post ukoll fil-World Amateur Snooker Championship.
L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Billiards u l-Isnooker sellmet il-memorja ta’ Grech filwaqt li bagħtet il-kondoljanzi tagħha lill-familja u dawk kollha qrib tiegħu.
Intant il-Każin tal-Banda ta’ San Gejtanu ukoll sellem il-memorja ta’ Ġużi Grech hekk kif fakkar fiż-żmien fejn kien ipaxxi lil dawk kollha preżenti meta jilgħab fuq il-mejda tal-każin.