Sir Sean Connery. Wieħed mill-aqwa atturi ta’ Hollywood u l-ewwel attur li ħadem il-karattru ta’ James Bond miet fl-età ta’ 90 sena.
Thomas Sean Connery twieled f’Edinburgh fl-Iskozja fil-25 t’Awwissu tal-1930.
Beda fid-dinja tax-xogħol billi sempliċiment iqassam il-ħalib. Kien ukoll akkanit tal-Body Building. L-ewwel togħma tat-teatru bdiet fl-1951 meta dak iż-żmien kien jgħin minn wara l-kwinti fit-Teatru King’s f’Edinburgh.
Minn hemm ingħata parti żgħira fil-film Pacific South. Film fejn fih iltaqa’ ma’ dak li kellu jkun attur ta’ fama mondjali ieħor Michael Caine.
Madankollu dak li kellu jkun l-aqwa proġett li ħadem fuqu Connery kien il-karattru ta’ James Bond fejn għal ewwel kellu riservi kbar dwar din il-produzzjoni.
Connery xejjen dan kollu u immedjatament kiseb suċċess qawwi bl-ewwel film mis-serje ta’ James Bond – Dr. No fl-1962. B’kollox Connery ħadem f’seba’ films ta’ Bond.
Ta’ min jgħid li fl-1983 Connery ddejjaq jaħdem dan il-karattru ta’ Bond għaliex skontu kien illimitalu l-karriera tiegħu. Minn hemm Connery ddikjara li mhux ħa jaħdem iktar il-parti ta’ Bond u ħa sehem f’diversi produzzjonijiet oħrajn li wkoll kisbu suċċess kbir.
Dawn jinkludu Highlander, Indiana Jones and The Last Crusade u Dragon Heart.
Kien f’Ġunju tal-2006 wara li rċieva l-famuż Lifetime Achievement Award mill-Istitut tal-Films Amerikani fejn Connery ħabbar li rtira mid-dinja tal-films.
Intant kien it-tifel tiegħu, Jason Connery, li ħabbar il-mewt ta’ Sean Connery, li miet fl-irqad waqt li kien fil-Bahamas imdawwar b’ħafna minn familtu.
Miljuni kbar ta’ nies irħewlha għall-midja soċjali sabiex jfakkru l-memorja ta’ wieħed mill-aqwa atturi tas-seklu għoxrin.