Il-komunità Lhudija ta’ Munich u l-Bavarja ħabbret il-mewt ta’ David Dushman fl-età ta’ 98 sena, li huwa l-aħħar suldat Sovjetiku li kien ħeles lil Lhud minn Auschwitz.
Dushman kien stqarr li hu u sħabu ma kinux irrealizzaw il-gravità ta’ dak kollu li kien qed jiġri f’Auschwitz.
F’intervista li kien ta fl-2015 lil gazzetta fi Munich, kien qal li fil-kamp tan-Nażisti kien hemm skeletri kull fejn tħares.
Dushman kien ħa sehem f’waħda mill-aktar battalji mdemmija tat-Tieni Gwerra Dinjija u kien indarab serjament tliet darbiet.
Aktar minn miljun persuna, il-maġġoranza tagħhom Lhud kienu ġew iddeportati u maqtula min-Nażisti f’Auschwitz bejn l-1940 u l-1945.
David Dushman kien deskritt bħala kowċ leġendarju mill-Kumitat Internazzjonali tal-Olimpjadi.