Tħabbret il-mewt tal-Aġent President ta’ Malta, Francis Zammit Dimech, fl-età ta’ 70 sena.
Huwa kien ilu Aġent President għal din l-aħħar sena, minn meta Myriam Spiteri Debono nħatret President ta’ Malta, f’April tas-sena l-oħra.
Francis Zammit Dimech twieled fit-23 ta’ Ottubru tal-1954.
Huwa gradwa mill-kors tal-Liġi fl-Università ta’ Malta fl-1979. Huwa ħadem bħala avukat speċjalizzat fis-servizzi finanzjarji u kien ukoll lecturer fl-Università ta’ Malta.
Zammit Dimech beda jinvolvi ruħu fil-politika, fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, minn ta’ età żgħira.
Telgħa għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1987 u serva fil-Parlament għal tletin sena.
Huwa serva f’diversi rwoli ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti: fosthom bħala Ministru għat-Trasport u l-Komunikazzjoni, Ministru għall-Ambjent, Ministru għat-Turiżmu u Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Huwa serva fil-Parlament lokali sal-2017.
Fis-sentejn ta’ wara, Zammit Dimech serva wkoll bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fi Frar tal-2020, Zammit Dimech kien inħatar bħala Segretarju Ġenerali interim tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif din il-kariga kien vakanti.
Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono sellmet il-memorja ta’ Zammit Dimech. Qalet li hu ddedika ħajtu għas-servizz publiku.
Hi rrimarkat kif Zammit Dimech baqa’ jservi lill-pajjiż anke meta kien għaddej minn perjodu diffiċli ta’ saħħa.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Zammit Dimech kien politiku ġentlom, sod fl-argumenti tiegħu iżda ġentili u rispettuż fil-manjieri u l-atteġġjament tiegħu.
Dr Abela qal li serva f’diversi karigi b’sens ta’ dover u baqa’ jagħmel dan bħala Aġent President minkejja l-isfidi ta’ saħħa li kien għaddej minnhom.
Il-Prim Ministru tenna li Francis ħabb lil pajjiżu u Malta tibqa’ grata għas-servizz tiegħu.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista sellmu l-memorja ta’ Francis Zammit Dimech.