Kienet saret fenomenu fuq il-midja soċjali. L-ice bucket challenge. Fenomenu li dar id-dinja u ġabar miljuni kbar għar-riċerka tal-ALS.
Dan kollu bis-saħħa ta’ Pete Frates, żagħżugħ Amerikan. Pete miet it-Tnejn fl-età ta’ 43 sena.
Iż-żagħużugħ kien kien kowċ ta’ team tal-baseball f’Boston. Ibigħ is-saħħa. Iżda bħal sajjetta fil-bnazzi beda jħoss xi ħaġa ġo fih li ma kinitx normali. Ma damx ma ngħata l-aħbar li kellu l-marda tal-ALS. Eżattament f’Marzu tal-2012. Huwa kellu biss 27 sena. Iżda ħalef li jagħmel l-almu kollu tiegħu u baqa’ għaddej minkejja li l-marda bdiet taffettwah fiżikament. 8 xhur wara li ngħata l-aħbar li marad bl-ALS, Pete żżewweġ lil martu Julie u sena wara sar missier. Ftit xhur wara beda jkaxkar saqajh u lanqas kellu saħħa jitkellem.
Iżda meta inspira lid-dinja biex in-nies jitfgħu bramel tal-ilma bis-silġ fuq rashom biex tiġi miġġielda l-marda tal-ALS, Pete sar ic-centru ta’ moviment.
Atleti bħalu għamlu din l-isfida. Personalitajiet ewlenin minn madwar id-dinja u anke l-eks President Amerikan George W Bush għamel din l-isfida li fiha innominaw persuni oħra biex jagħmluha bħalhom.
Il-fenomenu dar id-dinja. Wasal ukoll f’Malta u ispira żagħżugħ ieħor Malti, Bjorn Formosa li wkoll intlaqat minn din il-marda. Bħal Pete, Bjorn kien ta’ ispirazzjoni kbira għall-bosta Maltin u Għawdxin. Ħadem bla heda biex qajjem kuxjenza dwar din il-marda u wettaq il-ħolma tiegħu meta fetaħ l-ewwel Dar Bjorn li fiha qegħdin jgħixu bosta pazjenti li jbatu bl-ALS u mard newroloġiku ieħor li joqtol in-nervituri tal-ġisem qabel iż-żmien.
S’issa ħadd għadu ma jaf ir-raġuni wara din il-marda li tista’ tolqot kemm żgħar u kbar. Nisa u rġiel. Minn statistika miġbura fl-aħħar snin, f’Malta, it-tobba jaraw bejn 12 u 20 pazjent fis-sena b’din il-marda u għalhekk il-ħolma ta’ Bjorn li tinfetaħ it-tieni dar għall-pazjenti li bħalu għad jistgħu jħabbtu wiċċhom magħha.