Miet it-Tuneżin Ben Ali Wahid Ben Hassine, l-aktar priġunier li kien ilu l-ħabs b’piena ta’ għomor il-ħabs wara li flimkien ma’ Ben Brahim Mosbah kienu nstab ħatja li fi Frar tal-1988 qatlu erba’ rġiel, żewġ xufiera tat-taxi u żewġ barranin: Franċiż u Ingliż.
Huwa kien ilu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal dawn l-aħħar wieħed u tletin sena.
Ali Waħid Ben Hassine miet wara li kien ilu għal dawn l-aħħar tmint ijiem rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
ONE NEWS jinsab informat li l-ġimgħa l-oħra ttieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza wara li ħassu ħażin fil-bini tal-ħabs.
Ben Ali qatel l-ewwel vittma b’mod mill-aktar brutali b’sikkina sabiex seraqlu sebgħa u ergħin lira. Huwa qatel lit-tieni u t-tielet vittmi b’tiri f’rashom. Kien hawn li minn fuq il-katavri tagħhom Ben Ali serqilhom sittin Lira Maltin jew l-ekwivalenti ta’ mija u erbgħin ewro.
Vittma ieħor ta’ Ali nqatel b’daqqa ta’ sikkina iżda wara l-omiċidju kissirlu wiċċu b’ġebla biex ma jintarafx wara li ma rnexxielux jaqtagħlu rasu barra.
Huwa kien wettaq dawn ir-reati kollha ma’ Tuneżin ieħor li wkoll qiegħed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs. Huma kienu ammettew l-akkużi kollha miġjuba kontrihom fl-1992 u baqgħu jinżammu arrestati sal-lum.
Sentejn ilu Ben Ali deher quddiem il-bord tal-parole madankollu t-talba tiegħu ma ntlaqgħetx.