Miet it-tifel ta’ sitt snin li kien ilu erbat ijiem maqbud ġo bir fl-Afganistan.
Il-ħaddiema tas-salvataġġ tellgħu liċ-ċkejken Haider minn ġol-bir tul il-jum tal-Ġimgħa wara ħidma bla waqfien biex isalvawh.
Ingħad li t-tifel ma bediex iwieġeb u ma kienx qed jieħu nifs meta ttella’ minn ġol bir fil-provinċja ta’ Zabul.
Haider kien ilu maqbud fil-bir fil-villaġġ ta’ Shokak wara li waqa’ ġo fih mit-triq it-Tlieta.
It-tifel inqabad madwar għaxar metri ’l isfel fil-bir li hu maħsub li huwa fond mal-ħamsa u għoxrin metru.