Kien maħbub minn bosta.
Dr Victor Calvagna li kien konsulent fil-pedjatrija ħalla din id-dinja propju ġimgħa wara li ddaħħal l-isptar Mater Dei għal-kura.
Kienu għall-ħabta tat-tmienja u nofs tat-Tlieta 28 ta’ Dicembru filgħaxija, meta t-Tabib Victor Calvagna ta’ 63 sena mill-Mosta ddaħħal l-isptar f’qagħda kritika, wara li kien ittajjar minn karozza, waqt li kien għaddej jiġri, waqt it-taħriġ tiegħu, biswit l-Akkwarju Nazzjonali, il-Qawra.
Puttinu Cares, li tagħha Victor Calvagna kien President, sellmet il-memorja tiegħu u fissritu bħala bniedem umli u li dejjem ta ħajtu għat-tfal morda u għall-ġenituri li tant kien iħobb.
Puttinu Cares stqarret li Dr Calvagna dejjem għallem lin-nies kif ikunu ta’ servizz għall-oħrajn mingħajr ma jippretendu xejn lura. Hija rringrazzjatu wkoll tal-eżempji u l-valuri sbieħ li rawwem f’ta madwaru.
Kienu bosta li malli nxterdet l-aħbar tal-mewt ta’ Calvagna wrew is-sogħba tagħhom għal din it-telfa. Fost dawn, fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja ta’ Dr Victor Calvagna, u filwaqt li bagħat il-kondoljanzi lil martu Carmen, it-tfal u lill-familja kollha ta’ Puttinu, qal li dan it-tabib mhu se jintnesa qatt, u li l-ebda kliem ma jista jkun bizzejjed, biex jiddeskrivi l-ġid li għamel.
Anki mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela sellmet lil Dr Calvagna.
Hija qalet li bħal Malta kollha, hija tinsab imnikkta u mbikkma bit-telfa ta’ Dr Calvagna.
Lydia Abela fissret lil Victor Calvagna bħala tabib impekkabbli li salva tant ħajjiet.
Spjegat kif huwa ta tama ġdida lil tant tfal.
“Kien id-dawl ta’ bosta fl-iktar żminijiet diffiċli. Bl-għarfien u l-wens, bit-tbissima u bl-umiltà tiegħu”, sostniet mart il-Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista sellem ukoll il-memorja tat-Tabib maħbub.
Martina Fenech, li kienet waħda mill-pazjenti ta’ Calvagna, kitbet li għaxar snin ilu tilfet lil ommha bil-kanċer, dik li tatha l-ħajja u llum tilfet dak li reġa’ ta ħajjitha lura, wara li kien fejjaqha mill-kanċer.
Fenech tkellmet dwar il-kuraġġ u t-tama li żergħa fiha Calvagna tul il-proċess kollu tal-marda. Iddiskrevitu bħala persuna li tagħti kuraġġ lil dak li jkun. Semmiet ukoll diversi memorji iżjed sbieħ, bħal meta taha l-aħbar li kienet fieqet mill-marda tal-kanċer u diversi esperjenzi oħrajn barra minn pajjiżna.
Martina Fenech sejħet lil Victor Calvagna bħala eroj għal ħafna.
Calvagna llum m’għadux magħna imma kliemu u l-azzjonijiet tiegħu se jibqgħu magħna.
Kien bniedem li ma jaqtax qalbu u li l-isfidi kien jidħlilhom bir-ras.
Qal, “It gives you a perspective. Tidra ma taqtax qalbek. Jekk l-affarijiet jibdew ġejjin, għax fit-triathlon you have to deal with situations, li jkunu vera at the limit u fil-ħajja l-istess, and that teaches you.”