Li Wenliang, tabib Ċiniż li kien l-ewwel vuċi li wissiet dwar il-Coronavirus, miet fl-isptar fejn kien qed jingħata l-kura minħabba dan l-istess virus qattiel.
It-tabib kien bagħat twissija lill-kollegi tiegħu fit-30 ta’ Diċembru iżda l-Pulizija kienu qalulu biex jieqaf jgħaddi kummenti foloz.
Qabel marad bil-virus hu, l-oftalmologu kien innota seba’ każijiet simili għall-virus SARS li wassal għal epidemija globali lura fl-elfejn u tlieta.
L-aħbar tal-mewt tiegħu xprunat rabja kbira b’mod partikolari fuq il-midja soċjali, wara li diġà kien hemm akkużi fil-konfront tal-Gvern Ċiniż li pprova jżomm l-aħbar tal-virus bħala sigriet.
L-aħħar figuri juru li fiċ-Ċina hemm aktar minn 31,000 każ ta’ dan il-virus, u minħabba fih mietu 636 persuna.