Is-suspett l-ieħor bil-qtil tal-malti, Paul Anthony Formosa, miet it-tlieta filgħodu.
Rapporti fil-midja Somali, irrapurtaw li l-qattiel l-ieħor, Abdullahi Mohamed Ibrahim , li ġie arrestat mill-forzi Somali, miet f’isptar Somalu, f’Bosaso Hospital.
Is-suspett li tqabbad, mill-grupp terroristiku Al Shabaab, għandu 20 sena u kien ilu joqgħod f’Bossasso fis-Somalja, jumejn biss qabel ma kien involut fil-qtil tal-Malti.
Dan kien it-tieni suspett fil-qtil ta’ Paul Anthony Formosa, li inqatel it-tnejn filgħodu, b’għadd ta’ tiri f’rasu mill-grupp terroristiku Al Shabaab qrib il-port ta’ Bossasso fis-Somalja.
Formosa nqatel f’suq tal-ħut minn żewġt irġiel armati li għamluha ta’ sajjieda waqt li kien fi triqtu lejn ix-xogħol fil-port ta’ Bossasso.
Bl-aggressur l-ieħor inqatel fuq il-post, mill-uffiċċjali tas-sigurtà ta’ Formosa.
F’dan l-attakk ikkordinat inqatel wieħed mill-persuni li kienu qed joffru servizzi ta’ sigurtà lill-Malti.
Paul Anthony Formosa, missier ta’ tnejn u ħamsin sena minn Wied il-Għajn, kien jaħdem bħala manager tal-kumpanija P&O Ports, sussidjarja ta’ DP World, waħda mill-akbar operaturi tal-portijiet fid-dinja.
Rapporti fil-midja Somala qalu li l-kumpanija li kien jaħdem magħha Formosa kisbet it-terminal b’kuntratt għal 30 sena. Qalu li din il-konċessjoni ma niżlet tajjeb xejn mar-residenti b’persuna tinqatel waqt protesta li saret kontra dan il-proġett.