“Baqa’ jikkomponi sal-aħħar nifs… se nħossuha t-telfa tiegħu fil-qasam tal-mużika.”
Hekk sostna x-xandar, kompożitur u mużiċist Peter Paul Ciantar meta mistoqsi dwar it-telfa tal-Professur Joseph Vella. Sostna li l-Professur Vella ħalla impatt kbir fejn ikkompona minn kull tip ta’ mużika u dan l-aħħar kien qed jikkomponi opra.
Ciantar spjega kif kienet din biss li kien għad fadallu jikkomponi hekk kif matul ħajtu kkompona kull tip ta’ xogħol mużikali. Xogħol, li fi kliem Ciantar hu brillanti u li żgur se jkun mibki minn bosta hekk kif id-dinja tal-mużika tilfet ġgant. Huma bosta li espremew id-dieqa wara li saru jafu bit-telfa għall-għarrieda tal-Professur Joseph Vella wara li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 76 sena.
Għal 48 sena huwa kien surmast direttur tas-Soċjetà Filarmonika La Stella tar-Rabat Għawdex, liema banda baqa’ jidderieġi sal-ġurnata tal-mewt. L-aħħar dehra pubblika tiegħu kienet proprju nhar is-Sibt li għadda, fejn filgħaxija, kien għadu kif ippreżenta l-arkivju mużikali kollu tiegħu lill-mużew ‘Il-Ħaġar’ tal-Belt Victoria, belt twelidu. Bħala direttur artistiku tat-Teatru Astra, huwa dderieġa lill-Orkestra Nazzjonali f’bosta opri klassiċi.
Il-Professur Vella kien inħatar bħala l-ewwel direttur residenti tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u serva għal 40 sena bħala surmast direttur tal-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat, Malta. Fis-sena 1994, Vella ġie appuntat mill-Università ta’ Malta bħala lettur fl-istudji mużikali.
Intant fi stqarrija l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fakkret il-memorja tal-Professur Vella fejn iddeskrivietu bħala ikona mużikali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fix-xena internazzjonali. Il-Ministru Caruana esprimiet is-sogħba tagħha għat-telfa tal-Professur Vella li se jibqa’ magħruf għall-imħabba, d-dedikazzjoni u l-għerf mużikali kbir tiegħu u li żgur se jibqa’ jitqies fost l-aqwa kompożituri kontemporanji Maltin.