Tħabbret il-mewt tas-Sindku taż-Żejtun Joe Attard. Huwa ġie elett għall-ewwel darba fil-kunsill fl-1994. Sentejn wara huwa reġa’ ġie elett fil-kunsill u nħatar Sindku, kariga li baqa’ jokkupa sa mewtu.
Is-Sur Attard kien ukoll personalità magħrufa sew fil-komunità Żejtunija hekk kif għal bosta snin huwa kien ukoll il-President tal-Banda Żejtun.
Propju fis-17 t’Ottubru, Attard għalaq 77 sena. Ilu fil-Kunsill għal 23 sena sħaħ u Sindku kważi 21 sena, fejn ħadem u stinka favur iż-Żwieten kollha.
Joe Attard kien ukoll President Għaqda Banda Żejtun, fejn propju llum kien se jiċċelebra l-40 sena tiegħu bħala President fejn kien se jiġi inawgurat it-Teatru Pandora li għal dawn l-aħħar 11 -il xahar is-Sindku, minkejja li saħħtu bdiet tmur lura, baqa’ sal-aħħar jagħti l-kontribut tiegħi, isegwi u jidderieġi mal-artist Twanny Spagnol, ilkoll Żwieten. Kien ħerqan ħafna li l-ħolma tiegħu se ssir realta
Is-Sur Attard kien il-moħħ u l-President tal-GAL Xlokk, li wkoll fuq diversi inizzjattivi tiegħu ħdimna biex diversi proġetti jiġu mwettqa f’diversi lokalitajiet.
F’żgħożitu Joe kien għalliem; għallem diversi studenti fuq livell post-sekondarju, flimkien ma’ martu Jessie – għalliema wkoll. Huwa ħoloq għall-ewwel darba id-Dipartiment tal-Kultura, fejn kien id-Direttur tal-Kultura u minn hemm qatt ma ħares lura fix-xogħol kulturali tiegħu. Kull min ħadem miegħu żgur jiftakru l-Iljieli Mediterranji, Ġensna u diversi produzzjonijiet oħra.
Huwa kien ukoll l-ewwel Chairman ta’ One Productions.
One.com.mt jsellem il-memorja tas-Sur Attard u jagħti l-kondoljanzi lill-qrabatu.
So saddened to learn about the passing away of #Zejtun mayor, Joe Attard. The love for his community could be seen in his long years of service -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) November 18, 2017